Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi lesta xogħlijiet infrastrutturali estensivi li qed isiru f'erba' toroq f'Ħal Luqa, bħala parti minn investiment ta' madwar €420,000 biex tkompli titjieb l-infrastruttura ta din il-lokalità.
Ix-xogħlijiet, li bdew f'Mejju ta' din is-sena, saru fi Triq il-Qasam Sperimentali, Triq il-Wied il-Kbir, Triq il-Biedja u Triq San Vinċenz de Paule, u inkludew interventi fuq diversi elementi tal-infrastruttura eżistenti.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Proġetti tal-Komunità fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Nadia Gatt, u s-Sindku ta' Ħal Luqa, John Schembri, żaru x-xogħlijiet li qed jitwettqu f'dawn l-erba' toroq.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li l-investiment li qed isir f'Ħal Luqa huwa eżempju konkret tal-ħidma tal-Gvern biex il-prijoritajiet tal-komunitajiet jinbidlu f'xogħlijiet li jagħmlu differenza fil-ħajja ta' kuljum tar-residenti. “Mill-bidu ta' din il-leġiżlatura għamilna impenn ċar li nkomplu nżidu l-investiment fil-komunitajiet tagħna u nagħtu lill-Kunsilli Lokali aktar għodda biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-lokalitajiet tagħhom. Illum qed naraw ir-riżultat ta' dan l-impenn fil-prattika, permezz ta' investiment dirett fl-infrastruttura li l-komunità tuża kuljum," qalet il-Ministru.
Hija fakkret ukoll li l-Gvern ħabbar żieda fl-investiment dirett fil-komunitajiet, minn €10 miljun għal €12.8 miljun fuq perjodu ta' sentejn, bħala parti mill-impenn tiegħu li jkompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u jwassal għal aktar proġetti infrastrutturali madwar Malta.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Proġetti tal-Komunità fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Nadia Gatt, spjegat li l-interventi f'dawn l-erba' toroq kienu mmirati biex jiġu indirizzati diversi aspetti tal-infrastruttura eżistenti permezz ta' ħidma koordinata u komprensiva. Hija saħqet fuq l-importanza li x-xogħlijiet infrastrutturali jkunu mfassla biex jindirizzaw il-ħtiġijiet konkreti taż-żona, filwaqt li jtejbu s-sigurtà, l-aċċessibbiltà u l-funzjonalità tal-ispazji li jintużaw kuljum mill-komunità.
Is-Sindku ta' Ħal Luqa, John Schembri, irringrazzja lill-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-ħidma u l-kollaborazzjoni li wasslu biex dawn l-interventi infrastrutturali jkunu jistgħu jitwettqu fil-lokalità. Huwa saħaq fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Kunsill Lokali u d-Dipartiment sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-komunità u jitwettqu aktar interventi li jtejbu l-infrastruttura u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
L-interventi li saru f'dawn it-toroq jinkludu l-kostruzzjoni ta' bankini ġodda u kurduni, titjib fis-sistemi tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xita, xogħlijiet fuq ħitan tal-ġebel kif ukoll xogħlijiet ta' tarmak. Dawn l-interventi jaffettwaw b'mod partikolari l-bankini, il-ġnub tat-toroq, is-sistemi tad-drenaġġ u l-aċċessi għall-proprjetajiet.
Permezz ta' dawn l-interventi tjiebet is-sigurtà u l-aċċessibbiltà tal-bankini u l-aċċessi, filwaqt li t-titjib fis-sistemi tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xita għandu jgħin fl-immaniġġjar aħjar tal-ilma tax-xita. Fl-istess waqt, il-ħidma infrastrutturali f'Ħal Luqa se tkompli, hekk kif hemm interventi oħra ppjanati kemm fiż-żona ta' Ħal Farruġ kif ukoll f'żoni oħra tal-lokalità.
L-intervent f'dawn l-erba' toroq jirrappreżenta ħidma koordinata biex jiġu indirizzati diversi ħtiġijiet infrastrutturali fl-istess żona, b'enfasi fuq it-titjib tas-sigurtà, l-aċċessibbiltà u l-funzjonalità tal-infrastruttura għall-komunità.